Soċjetá

Aktarx illi aħna l-Maltin meta nisimgħu bis-sena 1919 ħsiebna mill-ewwel imur fuq l-irvellijiet tas-Sette Giugno. Iżda għalina l-Gudjani s-sena 1919 tfakkarna wkoll fi ġrajja storika oħra li hija l-ħolqien taċ-Circolo Musicale La Stella, il-pedament tal-ewwel banda fil-Gudja.

Fl-1914 faqqgħet l-ewwel gwerra dinija. Din damet tkaxkar sal-1918. Ftit wara li spiċċat il-gwerra, fl-1919, uħud ftehmu li jiffurmaw u jwaqqfu ċ-Circolo Musicale La Stella. Dak iż-żmien it-tliet fundaturi taċ-Circolo Musicale La Stella krew dar biex jużawaha bħala sede f’Nru 1, Triq id-Dejqa. Din kellha gallarija fis-sular ta’ fuq tagħti għall-pjazza. Dawn it-tliet fundaturi kienu Gio Maria Abdilla (li fil-Gudja kien magħruf bħala ”Ta’ Bexxaq”), Anġlu Dalli (magħruf bħala ”Josu”) u Carmelo Zammit (li nafuh bħala l-”Qondos”). L-għan ewlieni li għalih ġie mwaqqaf ċ-Circolo Musicale La Stella kien li titwaqqaf orkestra biex fil-festa tal-Madonna tar-Rużarju tibda ddoqq kemm fil-knisja kif ukoll fil-festa ta’ barra. Fl-1936, l-Orkestra La Stella ġiet mibdula f’banda. Dan kien parti mill- progress u l-iżvilupp taż-żmien. Madanakollu l-mużika ma kinetx l-unika ħaġa li kienet tberren fl-imħuħ tal-fundaturi. Huwa ċar li sa mill-bidu, il-każin tagħna kellu wkoll funzjoni soċjali u ċivika. Dan jixhdu l-fatt li fl-1925, jiġifieri sitt snin biss wara t-twaqqif taċ-Circolo La Stella, is-soċi, fid-dawl tal-fatt li ħafna minnhom kien jaħdmu t-tarzna, ddeċidew li jixtru karozza tal-linja. Dak iż- żmien kien għad mhawnx mezzi ta’ transport ħlief f’xi karozzin jew xi karettun miġbud mill-bhejjem. Għalhekk dawn il-ħaddiema kienu ta’ kuljum jmorru u jiġu lura minn Bormla bil-mixi. Il-karozza tal-linja li xtraw semmewha St Mary. Permezz ta’ din il-karozza, filwaqt li kienu ta’ kuljum jaslu għax-xogħol, is-soċi kienu jorganizzaw wkoll ħarġiet għall-festi ta’ bliet u rħula tal-madwar.

L-iżvilupp ta’ din is-soċjetà kompla meta sar it-trasferiment minn Nru 1, Triq id-Dejqa għal binja kbira fejn ninsabu illum; post prominenti fil-pjazza tar- raħal b’faċċata imponenti. Din id-dar antika kienet ir-residenza tal-kappillan u matul iż-żmien serviet ukoll bħala mużew għat-tagħlim tad-duttrina lit-tfal. Fl- 1971, il-kumitat, b’ sagrifiċċji kbar, xtara din id-dar biex ikun jista jibda jsir it- tibdil neċessarju sabiex il-binja minn dar tibda pass pass tinbidel f’każin tal- banda. Flok il-kmamar żgħar inbnew żewġ swali kbar, waħda isfel u oħra fuq.

Fl-1990 il-kumitat xtara propjetà oħra maġenb il-kazin. Din il-propjetà kien fiha ġnien kbir u dan mill-ewwel inbidel f’bitħa kbira li għadna ngawdu sal- lum. Il-kumplament kompla jiġi żviluppat sabiex jirrifletti l-ħtiġijiet moderni tal-lum il-ġurnata.

Fl-1986 is-Soċjetà Filarmonika La Stella kompliet tespandi u tinvesti u fid-dawl ta’ dan nxtrat il-propjetà li llum tintuża mid-dilettanti tan-nar fi ħdan din is- Soċejtà. B’hekk b’mod uffiċjali twaqqfet il-La Stella Fireworks Factory bi kmamar moderni fejn ikun jista’ jinħadem in-nar kemm għall-festa ta’ Santa Marija kif ukoll għal dik tal-Madonna tar-Rużarju. Ix-xogħol tal-bini sar mid- dillettanti stess u sal-lum, b’kunfidenza nistgħu ngħidu li għandna waħda mill- ikbar kmamar tan-nar li hawn f’pajjiżna.

Minn meta twaqqfet sal-lum is-Soċjetà Filarmonika La Stella kellha 12-il President. Dawn il-Presidenti kollha mexxew kumitati differenti bil-ħsieb li jikkordinaw id-diversi friegħi fi ħdan is-Soċjetà u b’għaqal, ħadu ħsieb li minn sena għal sena titfassal u tiġi ċċelebrata festa mill-isbaħ minn kull aspett. Dan dejjem sar bi ftehim u sinerġija mal-Fratellanza tas-SSmu. Rużarju fid-dawl tal- festa tal-Madonna tar-Rużarju ċċelebrata fl-ewwel Ħadd ta’ Ottubru.




Logo
Logo
Logo