Amministrazzjoni

with No Comments

It-tmexxija ġenerali tas-Soċjetà u tal-kazin bl-attivitajiet u b’kull ma jippossjedi, qegħda fir-responsabilita’ tal-kumitat. Is-sewwa, l-unur u l-ġid tas-Soċjetà għandhom ikunu l-bażi tad-deċizjonijiet kollha.  M’hawnx ġid w’unur tas-Soċjetà li m’hux ukoll ġid w’unur għall-Gudja.

Il-Kumitat centrali jiġi elett kull sena f’seduta ġenerali, preferibilment matul ix-xhur ta’ Novembru – Diċembru jew kif ikun hemm bzonn, u jkun magħmul minn mhux anqas minn hdax (11)-il membru effettivi li minnhom wieħed (1) ikunu eletti waqt seduta ġenerali annwali tal-bandisti u ieħor rapprezentant u osservatur tal-fratellanza tas-Santissimu Rużarju. Is-surmast tal-banda u d-diretturi spiritwali tas-Soċjetà u l-osservatur tal-fratellanza huma membri onorarji tal-kumitat.

Il-membri tal-kumitat, barra l-membri onorarji, jiġu eletti waqt seduta ġenerali annwali tal-kazin permezz ta’ elezzjoni b’vot sigriet. Din tista’ tikkonferma wkoll il-membri onorarji tal-kumitat.
Is-soċji  ordinarji  jivvotaw fl-elezzjoni tal-membri tal-kumitat u kull soċju ordinarju jista’ jivvota biss fuq polza pprovduta mill-amministrazzjoni għal dan l-iskop u jista’ jivvota biss għal numru ta’ kandidati mhux aktar milli jkun hemm bżonn għall-formazzjoni tal-Kumitat. Fin-nuqqas ta’ xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-vot ikun invalidu u bla effett.

Kwalunkwe soċju jista’ jikkontesta l-elezzjoni għall-membru tal-kumitat u kull soċju li jrid jikkontesta din l-elezzjoni għandu jagħti ismu lis-Segretarju tas-Soċjetà. Il-kumitat li jkun inkarigat bit-tmexxija tas-Soċjetà huwa inkarigat li jaħtar kummissjoni elettorali sabiex il-proċess tal-elezzjonijiet għall-kumitat sussegwenti jkun trasparenti u ġust.

Jigu eletti dawk il-kandidati li jiksbu l-akbar għadd ta’ voti favorevoli għan-numru tal-membri li jkun hemm bżonn għall-formazzjoni tal-kumitat u f’kaz ta’ xi vakanza jkun elett il-kandidat li jkun imiss skont ir-rizultat ta’ l-elezzjoni u l-membru hekk elett jibda jservi fil-kumitat sakemm jirriżenja jew jaqa l-kumitat. Il-Kumitat jaħtar President, Viċi-President, Segretarju u Kaxxier bħala l-ufficjali tieghu. Dawn u t-tqassim tal-kariga l-oħra jiġu magħżula u mogħtija mill-istess membri eletti tal-kumitat fl-ewwel seduta tiegħu.